It-trasport fl-iskejjel tal-istat huwa organizzat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-Ministeru jipprovdi servizzi ta’ trasport lill-Iskejjel Statali f’Malta u Għawdex u attwalment jorganizza aktar minn 660 rotta kuljum, għal madwar 13,000 student. It-trasport tal-iskola huwa servizz bla ħlas għall-istudenti eliġibbli kollha li jattendu l-Iskejjel tal-Istat.
Meta se jiftħu l-applikazzjonijiet għas-sena skolastika 2021/2022?
L-applikazzjonijiet għat-Trasport tal-Iskejjel bla ħlas għall-istudenti li jattendu l-Iskejjel tal-Istat għas-sena skolastika li jmiss 2020/2021 se jiftħu mit-12 ta’ Mejju 2021 sal-15 ta’ Lulju 2021.
Min għandu japplika?
Iridu japplikaw il-ġenituri/kustodji legali kollha li jeħtieġu s-servizz tat-Trasport tal-Iskejjel tal-Istat bla ħlas għat-tfal tagħhom għas-sena skolastika 2020/2021.
Kif tapplika?
Tiġdid tal-applikazzjoni – Ġenituri/Kustodji Legali li applikaw għat-Trasport tal-Iskejjel tal-Istat bla ħlas is-sena skolastika li għaddiet (2020/2021) se jkunu qegħdin jirċievu imejl personalizzata biex japplikaw għas-Sena Skolastika 2021/2022.
Min qed japplika għall-ewwel darba – Ġenituri/Kustodji Legali li għall-ewwel darba jeħtieġu s-Servizz tat-Trasport tal-Iskejjel tal-Istat bla ħlas għat-tfal tagħhom għas-sena skolastika 2021/2022 jistgħu jaċċessaw l-applikazzjoni onlajn minn dan il-link. Sabiex tkun tista` taċċessa l-applikazzjoni għandek bżonn tagħmel użu mill-e-ID username u password tiegħek.
Kif tista’ tirreġistra għal e-ID jew tibdel il-password tiegħek?
Kull persuna li għandha Karta tal-Identità Maltija jew Karta ta’ Residenza (kemm għal ċittadini tal-UE kif ukoll għal ċittadini mhux tal-UE) hija intitolata għal kont tal-e-ID. Jekk qatt ma wżajt l-e-ID tiegħek qabel jekk jogħġbok għafas fuq dan il-link jew jekk insejt il-password jekk jogħġbok għafas fuq dan il-link
Kif tapplika jekk m’għandekx kont tal-E-ID?
Jekk m’għandekx Karta tal-Identità Maltija jew Karta ta’ Residenza (għal ċittadini tal-UE u mhux tal-UE) ma tkunx tista’ taċċessa l-applikazzjoni onlajn. Jeħtieġ li timla applikazzjoni manwali billi żżur il-One-Stop-Shop Edu servizz.gov fi Triq l-Assedju l-Kbir, Furjana jew il-Kulleġġ t’Għawdex fi Triq l-Ewropa, Victoria. Jekk jogħġbok ġib miegħek dokument ta’ identifikazzjoni uffiċjali (passaport jew karta tal-identità).
Il-ġenituri/kustodji legali ta’ studenti li se jkunu qed jagħmlu użu mit-trasport tal-iskola se jkunu qed jirċievu email personalizzata mibgħuta lilhom mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ftit qabel ma tibda s-sena skolastika li se jkun fiha informazzjoni dwar il-ħin ta’ ġbir/twaqqif kif ukoll l-isem tal-punt fejn jitilgħu/jinżlu l-istudenti.
Għal kwalunkwe mistoqsija jew għajnuna oħra tista’ tikkuntattjana
- Telefown 2598 1888
- Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 8.00am – 1.00pm
- Edu servizz.gov, Triq l-Assedju l-Kbir, Furjana
- Mit-Tnejn sas-Sibt 8.00am – 1:00pm
- L-Erbgħa 4.30pm – 7.00pm
- Kulleġġ t’Għawdex, Offiċċju tal-Prinċipal, Triq l-Ewropa, Victoria, Għawde
- Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 8.00am – 12:00pm
Studenti li jattendu kindergarten jew skola primarja
- li joqogħdu f’distanza ta’ erba’ (4) kilometri ’l bogħod mill-iskola rispettiva tagħhom m’għandhomx jinġabru aktar kmieni minn tletin (30) minuta qabel ma tibda l-iskola.
- li joqogħdu aktar minn erba’ (4) kilometri, iżda inqas minn għaxar (10) kilometri mill-iskola rispettiva tagħhom, m’għandhomx jinġabru aktar kmieni minn ħamsa u erbgħin (45) minuta qabel ma tibda l-iskola.
- għandhom jaslu mhux aktar tard minn ħames (5) minuti qabel il-bidu tal-ġurnata tal-iskola, u mhux aktar tard minn tletin (30) minuta qabel ma jibdew l-iskejjel.
- m’għandhomx jinġabru aktar tard minn ħmistax-il (15) minuta wara li jispiċċaw l-iskola.
Studenti li jattendu Skola Medja, Sekondarja jew Nazzjonali
- mhux aktar minn tmien (8) kilometri ’l bogħod mill-iskola rispettiva tagħhom m’għandhomx jinġabru aktar kmieni minn siegħa qabel ma tibda l-iskola.
- residenti aktar minn tmien (8) kilometri ’l bogħod mill-iskola rispettiva tagħhom m’għandhomx jinġabru aktar kmieni minn siegħa u tletin minuta qabel ma tibda l-iskola.
- m’għandhomx jinġabru aktar tard minn tletin (30) minuta minn meta tintemm l-iskola tagħhom.
- iridu jaslu sa mhux aktar tard minn (5) minuti u mhux aktar kmieni minn siegħa qabel ma tibda l-iskola.
Studenti li jattendu r-Resource Centres
- m’għandhomx jinġabru aktar tard minn ħmistax-il (15) minuta minn meta tintemm l-iskola tagħhom
Il-Gvern qed jiffinanzja u jtejjeb is-servizz tat-trasport mogħti lill-istudenti li jattendu l-Iskejjel tal-Istat. Il-ġenituri/kustodji legali se jinżammu responsabbli għall-użu xieraq ta’ din is-sistema ta’ trasport bla ħlas għaldaqstant japplikaw il-penali li ġejjin:
- jekk l-istudent juża t-trasport tal-iskola sa 75 % tal-ġranet tal-iskola, L-EBDA PENALI
- jekk l-istudent juża t-trasport tal-iskola għal inqas minn 75 % tal-ġranet tal-iskola, l-istudent ma jkunx intitolat għal servizz ta’ trasport tal-iskola bla ħlas fis-sena skolastika li jmiss. Id-dispożizzjoni tinkludi l-konċessjoni għall-assenza għal raġunijiet mediċi u/jew raġunijiet oħra.